Thursday, July 19, 2012

Daqsien ġodda għall-qoxra tal-ktieb

L-aħħar verżjoni tal-iPad tad-ditta Apple ħareġ b'teknoloġija viżiva ġdida msejħa retina display li tippermetti r-riproduzzjoni ċara ħafna tal-grafika. Minħabba dan l-Apple ħarġet regoli ġodda dwar id-daqs għall-qxur tal-kotba elettroniċi li jidhru fuq l-iBookstore; dan biex il-qarrejja li jużaw l-iPad il-ġdid ikunu jistgħu jgawdu kwalità ta' grafika ogħla. Fl-istess żmien l-Amazon ħarġet regoli simili għall-kotba mfasslin għall-Kindle.

Minħabba dan minn nofs Lulju Smashwords bdew jaċċettaw biss grafika li tkun mill-inqas 1,400 pixels wiesgħa. Għalissa qed jgħidu li l-qxur ta' dawk il-kotba li ħarġu qabel jistgħu jibqgħu l-istess, madankollu f'qasir żmien dawn se jkollhom jiġu aġġornati wkoll biex ikunu bid-daqsien il-ġodda.

Wednesday, July 18, 2012

Il-Kategorija Aġġornamenti

F'din il-kategorija se ntella' aġġornamenti u tagħrif ieħor li niġbor bejn edizzjoni u oħra tal-ktieb.

Bħalma wieħed jista' jimmaġina d-dinja tal-ktieb elettroniku hija waħda li qed tiżviluppa u titbiddel prattikament kuljum, u xi ftit mill-informazzjoni li tinsab fil-ktieb elettroniku Kif Toħloq Ebook bil-Malti setgħet tbiddlet minn mindu ppubblikajtu.

Għalkemm biħsiebni noħroġ edizzjoni aġġornata aktar tard, huwa impossibbli li naġġorna l-ktieb ta' spiss. Għaldaqstant żviluppi ġodda li jsiru bejn edizzjoni u oħra l-ewwel nippubblikahom hawn. Dawk l-aġġornamenti li jkunu żdiedu wara l-pubblikazzjoni ta' edizzjoni partikolari jidhru fl-edizzjoni li jkun imiss.